Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

FUNERAL ta' Dun Ġorġ Vella, nhar it-Tlieta 17 ta’ Awwissu.

MESSAĠĠ MILL-KAPPILLAN
 
LILL-GĦAŻIŻ VIĊI PARROKU TAGĦNA, DUN ĠORĠ VELLA
 
Għażiż Dun Ġorġ,
ħallejtna ta' malajr, imma aħna dejjem tgħallimna li mal-Mulej, l-arloġġ jitlef il-minutieri tiegħu għax jibqa' jgħodd biss l-arloġġ tal-imħabba infinta ta' Qalbu.
 
 
Imma jien ferħan ħafna għalik.
Ferħan għax fl-aħħar qtajt xewqtek: mort tgawdi lill-Mulej li għalih tajt ħajtek kollha. U - rigal fuq rigal - sejjaħlek nhar il-festa ta' Ommu, Marija Assunta, dik l-Omm li int tajt stinkajt għaliha u għal uliedha speċjalment fil-Parroċċa taż-Żebbuġ. Iva, ferħan għalik, Dun Ġorġ, għax il-Verġni Ommok, hi u tielgħa s-sema, bħal donnu bi preferenza, qabditek minn idek u wasslitek quddiem Qalb Binha. Dejjem għallmuna li llum, 15 t'Awwissu, il-Purgatorju jkun magħluq. Nemmen bis-sħiħ li hekk hu u li inti ġa tlajt is-sema pajjiżek biex tieħu l-premju tant mistħoqq wara 60 sena ta' saċerdozju.
 
GRAZZI Dun Ġorġ, tat-tbissima tiegħek, tal-pariri tiegħek, tas-sagrifiċċji tiegħek, tad-dmugħ tiegħek, tat-talb fis-skiet tiegħek, tal-għajnuna kbira tiegħek, tal-kelma qawwija tiegħek u tal-fedelta' tiegħek lejn il-Vanġelu, lejn il-Quddiesa u lejn il-komunita' minkejja l-eta' kbira u s-saħħa li kienet sejra lura. Kif jixhed ismek, int kont ħaddiem fidil fl-għalqa tal-Mulej u l-frott li llum ippreżentajt lil Sid il-Ħsad huwa abbundanti u sabiħ.
 
GRAZZI wkoll ta' kemm lili ma qistnix bħala kappillan żgħir u bla esperjenza kif tassew jien, imma lqajtni, irrispettajtni, ħabbejtni, ħadt paċenzja bija, għallimtni, għentni, ikkoreġejtni, qawwejtli qalbi u tlabt għalija tul dawn is-sentejn li ilna naħdmu flimkien fil-Parroċċa għażiża tagħna.
 
GRAZZI tal-eżempju tiegħek ta' kif tajt ħajtek għall-Knisja, għaż-Żebbuġ, għall-Fontana, għal qrabatek.
Il-Fontana sfat iltima mingħajrek. Tlifna benefattur kbir kemm tal-Parroċċa imma wisq iktar ta' ruħna. Imma akkwistajna missier ieħor fis-sema. Aħna nibqgħu nitolbu għal ruħek imma int, issa li qiegħed ħdejn il-Qalb ta' Ġesu', Ommna Marija u Sant'Andrija, itlob għalina, għas-saċerdoti tal-Fontana, għal iktar vokazzjonijiet.
 
Nibqgħu magħqudin fit-talb, għażiż Saċerdot tal-Qalb ta' Ġesu'. Berikna, aħfrilna, itlob għalina u ppreżentana quddiem il-Mulej.
 
Dun Simon, il-kappillan u ħuk fis-saċerdozju.