Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

Ħolma f’Milied ta’ Pandemija - Prietka tal-Milied 2020 fi-Fontana

It-Tifel:
Ġejt illejla nirrakkonta
ħolma stramba illi ħlomt.
Serrħu raskom: ma ġiex anġlu
ikellemni qabel qomt!
 
Ħa ngħidilkom din il-ħolma
għaliex naħseb illi l-wens
tista’ tagħti lil kull bniedem
biex bħalissa jsib ftit sens.
 
Ħlomt li wasal il-lejl ħlejju
tal-Milied elfejn w għoxrin,
lejl il-miġja t’Alla-Bniedem
illi jhenni lill-bnedmin.
 
’Ma dis-sena differenti;
dal-Milied mhux iġib ferħ:
wisq ġarrabna tul dis-sena
wisq batejna mingħajr serħ!
 
Il-qalb tagħna mhix bħas-soltu
għax m’hemmx ħerqa w allegrija!
Moħħna mgħobbi bl-inċertezzi
u l-biżgħat tal-pandemija!
 
It-tifla:
‘Pożittiv’ ġiet kelma kerha!
It-tbissima nħbiet għal xhur;
termometri, sanitizers,
maskri, biża’ u dulur!
 
U ħlief hekk m’aħniex nisimgħu,
speċjalment minn Marzu ’l hawn!
Ħadd ma kien ippreparana
għal ġrajjiet kiefra bħal dawn.
 
U ħbatt nibki u nitnikket
għax dis-sena xejn mhu żgur!!
Ftit minn sħabi wkoll laqqtuha:
hemm xi każ kull fejn iddur.
 
O Bambin, ħelwa tarbija,
kważi kważi tiġi xejn!
għax bil-Covid malajr timrad
u tkun ġejt hawnhekk għalxejn!
 
O Marija, bit-tarbija,
mur u għix bħall-kbir San Ġwann,
għax jekk tiġi hawnhekk f’nofsna
jkollna nċemplu l-one one one (111).
 
It-tifel:
Il-Battista kien ħafn’għaqli:
mar jgħix waħdu fid-deżert
social distance m’għandux x’jambi
lanqas ebda ħsieb inċert.
 
Hemm ir-riskju li jekk tiġu
u l-iswab test ma tagħmlux
iżommukom kwarantina
u lejn darkom ma tmorrux!
 
U biex tgħaxxaq, skont il-liġi,
tridu tkunu mbegħdin
minna lkoll u min kull folla:
min ser jara lill-Bambin?
 
Waqt li kont imnikket naħseb,
ma ridtx nemmen lil għajnejja!
Ilmaħt koppja w ħmara griża
bil-mod miexja w resqin lejja.
 
Il-Madonna u Ġużeppi
ġew bilqegħda fejn kont jien
u tbissmuli mingħajr maskra
meta rawni hekk għajjien.
 
U Marija, dlonk għannqitni
u bdiet tgħidli dan il-kliem:
 
It-tifla:
“Fejn hemm dnewwa, mard u dwejjaq
aħna niġu nxerrdu s-sliem.”
Tinkwetax! Mhux ser nittieħdu
għaliex magħna hemm Ġesù
 
li għalkemm għadu tarbija
Hu ġa l-għajn ta’ kull virtù.
Hu ġa għażel illi jiġi
anki issa, f’dan iż-żmien,
 
għaliex jaf li għandkom bżonnu,
jaf li hawn min hu għajjien.
Ftakar biss li huwa Alla
Hu Sid kbir imma ħanin,
 
ġej biex jgħinkom u jsabbarkom
u jagħmilkom bih henjin.
Jien u żewġi mhux ser nibżgħu,
nafu t-tnejn x’inhuwa l-krib!
 
Kemm batejna biex lil Ibni
neħilsuh minn kull tiġrib!
Aħna mhux il-pandemija
kellna tiġri ma’ saqajna,
 
kellna n-nies li bagħat Erodi
bis-sejf jiġru lkoll warajna.
Kellna mmorru lejn l-Eġittu
u hemmhekk għexna ftit snin
 
sakemm fl-aħħar morna lura
għax il-hemm kien qed inin.
Ara tibża’ w taqta’ qalbek
kollox jgħaddi b’wiċċ il-ġid!
 
Afda biss fil-Qalb ta’ Ibni
li taf toffri żejt u nbid!
Żejt li jfejjaq u li jwennes
u l-inbid tas-sliem u l-ferħ!
 
Dawn qalb Ibni biss tagħtihom
fiha biss issibu s-serħ.
 
It-tifel:
U jien dort lejn ħdan Marija
biex nitkellem mal-Bambin
u mort għedtlu din it-talba
b’tant imħabba, b’mod ġenwin!
 
Qalb ħanina tal-kbir Alla
illi tħobbna wisq, bla kejl,
ġejna hawn, bla kliem u mbeżżgħa,
għax id-dinja qed tgħix f'lejl....
 
Lejl sewdieni t'inċertezza;
mard u maskri kullimkien,
sirna nibżgħu mid-dell tagħna;
qatt ma deher dal-waħx fiż-żmien.
 
O Ġesù, ħelwa tarbija,
ħares lejna, imnikktin,
das-salib hu wisq għalina,
għalhekk aħna mdejqin.
 
It-tiġrib qed jagħfas fuqna
u t-taħwid kiber bla qies
ma nafux fejn sejrin naslu
b’dan il-mard li mess tant nies.
 
Ħafna mietu fi ftit ġranet
oħrajn daħlu fis l-isptar
hemm min qiegħed mitbuq f'daru
u l-futur għalih mhux ċar.
 
M'għadx hawn tfal iferrħu t-toroq,
jew tpaċpiċ għand tal-ħanut!
L-għadu tagħna l-proxxmu tagħna
għax jitfagħna ġo tebut!
 
Anki l-knisja kważi vojta
u z-zuntier bla ruħ, fil-kwiet,
l-hena tagħna nbidlet f'qabar:
kollox dlam, traġedja, skiet.
 
It-tifla:
O Bambin, kollok imħabba
għall-marid, għal min hu fqir,
nitolbuk: tħallix das-saram
isakkarna lkoll ġo bir.
 
Nitolbuk tagħtina l-għaqal
biex l-għażliet nagħmluhom sew
waqt li nkunu responsabbli
biex neħilsu minn dad-dnew.
 
O Bambin, f’dan il-baħħ kollu,
isma’ l-għajta tagħna lkoll!
Erġa’ uri l-qawwa tiegħek
u eħlisna mill-iskoll
 
Illi sibna, bla tort tagħna,
ifixklilna l-ferħ u s-sliem!
Ilqa’ l-għajta, ilqa’ t-talba
ilqa’ l-bikja ta’ bla kliem!
 
Erġa’ ibgħat l-anġli tiegħek
Ikantaw “Il-Paċi fl-art!”
biex iħabbru kif b’miġjietek
minn ġod-dwejjaq lilna ġbart!
 
Flimkien:
O Bambin tal-Għajn il-Kbira,
Ankra tagħna, inħobbuk!
Fis eħlisna minn dil-pesta
biex ilkoll aħna nberkuk!
 
Viva Ġesù Bambin!
 
Il-Kappillan Dun Simon Cachia
11 ta’ Novembru 2020