Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

Mill-Qalb lill-Qlub tal-Qalb.

Għeżież membri tal-komunità tal-Fontana
 
Xtaqt ħafna nibgħat fid-djar tagħkom dan il-messaġġ “millqalb” tiegħi ta’ kappillan “lill-qlub” tagħkom ilkoll, li intom ġawhar magħżula “tal-Qalb” ta’ Ġesù.
 
Din is-sena m’aħniex ngħixu Milied tas-soltu u wasalna biex intemmu sena mimlija inċertezza u ta’ tbatija li qatt ma rajna bħalhom. Naf illi minn Marzu sal-lum, diversi mill-komunità kellhom iduqu l-iebes. Nazzarda ngħid li diversi kienu dawk li, bħal Kristu, għerqu l-għaraq tad-demm.  Kien hemm min kellu jaffronta l-mostru tas-solitudni u min il-biża’ li jitlef il-paga. Kien hemm min ġie infettat u ġarr ukoll il-piż li infetta lill-għeżież tiegħu bil-Covid. Kien hemm min minnkom inqafel id-dar, oħrajn kellhom jaffrontaw weħidhom il-kura u l-marda ta’ xi ħadd għażiż. Min b’qalbu ttertaq għax frontliner u min imwerwer blaħbarijiet xejn sbieħ li sema’ kuljum għal xhur sħaħ. Lanzjani u l-morda tagħna kemm-il darba kellhom jiċċaħħdu mit-Tqarbin fi djarhom minħabba l-pandemija. Min għex ittrawma tal-knejjes magħluqa u min għex it-trawma l-kiefra ta’ mewt xi ħadd għażiż. U dawn kollha li semmejt jiżdiedu mal-problemi ta’ kuljum li, pandemija jew le, dejjem hemm u dejjem lesti jtaqqlu l-qalb ta’ dak li jkun f’kull età. 


 Imma...
 U din l-‘imma’ tibdel kollox! ... Iktar minn qatt qabel, dan ilMilied qed iħabbrilna verità kbira: ‘Alla-Magħna’! Dan hu lisem li għażel Alla għal Ibnu mibgħut fid-dinja: ‘AllaMagħna’ fid-dwejjaq; ‘Alla-Magħna’ fid-dnub tagħna; ‘AllaMagħna’ f’kull għażla iebsa li jkollna nieħdu; ‘AllaMagħna’ fil-mard, fid-dmugħ, fl-inċertezza, fir-rabja. ‘AllaMagħna’ dejjem, jiġri x’jiġri. 
 
Iktar minn qatt qabel, il-Milied ta’ din is-sena qed iħabbrilna wkoll li t-tbatija ħarxa li l-Mulej bata sa minn twelidu xtaqha fuqu biex ikun jaf x’jiġifieri t-tbatija li nbatu aħna. Mhux tant biex ikun solidali magħna imma biex jaqbad u jerfa’ Hu fuqu t-tagħbija kollha tagħna. 
 
Dan il-Milied, intom u tħarsu lejn ix-xbieha ta’ Kristu tarbija, ftakru f’dan kollu. U ifirħu. Iva, ifirħu, minkejja kollox. Ifirħu għax Alla ma abbandunana qatt. Ifirħu għax weħidna m’aħniex. Ifirħu għax Alla ġa rebaħ kollox għalina u lilna ġa għamilna rebbeħin. Ifirħu, għaliex fejn kotru ddnub u d-diżgrazzji, Alla kattar ħafna iktar grazzji u mħabba. B’Alla-Magħna dejjem hemm soluzzjoni lesta għall-ġid tagħna.
 
Nistedinkom biex ilkoll nagħmlu kuraġġ lil xulxin. Fuq kollox nistedinkom biex ikollkom il-fidi u l-fiduċja f’Qalb Dak li sar bniedem bħalna biex jgħannaqna miegħu. Iżżminijiet sbieħ għad jerġgħu jiġu u ma jdumux... għax Alla hu sid iż-żmien u Alla, ħlief sliem u ġmiel ma joffrix. 
 
Nitlobkom maħfra. Minkejja li minn Marzu ’l hawn jien u lParroċċa xtaqna nagħmlu ħafna biex ngħinukom, forsi dan  il-għan mhux dejjem ilħaqnieh kif xtaqtu u kif kellkom dritt.  Nassigurakom li dak kollu li għamilna għamilnieh minn qalbna u jalla s-servizz li offrejnielkom f’dawn ix-xhur ġabilkom ftit wens u takom ftit kuraġġ.
 
Fl-aħħarnett nixtieq ngħidilkom grazzi. Grazzi tax-xhieda li tagħtu u tal-imħabba li kontinwament toffru lil Alla, lillParroċċa u lil xulxin. Ma’ dan il-messaġġ qed taslilkom santa ta’ San Ġużepp. Nixtieq li żżommuha u titolbu biha. Ċert li l-kbir, umli, qaddis Ġużeppi ta’ Nazaret, li jaf x’inhi tbatija, anke dik estrema, ser iberikkom. 
 
B’dawn il-ħsibijiet “mill-qalb lill-qlub tal-Qalb”, f’isem ħuti s-saċerdoti (li tant jgħinuni u jgħinu lilkom), nawgura lilkom ilkoll Milied qaddis u sena ġdida kollha barka mingħand il-Mulej. Nibqgħu dejjem inħobbu lil xulxin billi nħarsu s-saħħa ta’ xulxin.

Il-Qalb ta’ Ġesù tberikkom  u Sant’Andrija jħariskom dejjem. 
 
Dun Simon, il-Kappillan tagħkom