Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

Avvizi flok il-Bullettin

Il-jiem tal-festa
Dħalna fil-ġimgħa tal-festa: ġimgħa ta’ liturġija, smigħ tal-Kelma t’Alla, ta’ talb u ta’ ferħ. Segwu l-programm tal-festa li tqassam fid-djar u li qed jiġi mxandar fuq ir-radju u fuq l-internet.
 
Il-Kwaranturi
L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa, ingħatalna li nagħmlu l-Kwaranturi b’Ġesù espost. Segwu l-ħinijiet li hemm fuq il-programm. Wara l-funzjonijiet tal-Ħamis u tal-Ġimgħa filgħaxija ser niftħu sal-10.00pm għal min jixtieq jinviżta lill-Qalb ta’ Ġesù f’dawk il-ħinijiet.
 
Karità
Infakkru li fil-jiem tal-festa qed nagħmlu ġabra għall-missjoni ta’ saċerdoti Għawdxin li qed jaħdmu l-Perù. Poġġu l-għotja tagħkom fil-kaxxa li hemm ħdejn il-bieb tal-knisja jew agħtuha lis-saċerdoti.
 
Quddies fil-jiem tal-festa
Is-Sibt 13 ta’ Ġunju: 7.00pm (ġewwa).
Il-Ħadd 14 ta’ Ġunju: 6.30am u 9.30am (ġewwa) u 7.00pm (fuq iz-zuntier).
Mit-Tnejn 15 sal-Ħamis 18 ta’ Ġunju: 7.00pm (ġewwa)
Il-Ġimgħa, festa tal-Qalb ta’ Ġesù: 6.00am u 7.00am (ġewwa) u 7.00pm (in-naħa ta’ wara tal-knisja).
Stedina speċjali għal min ġarrab telfa għażiża u ma sarx il-funeral
Għall-Quddiesa tal-festa tal-Ġimgħa huma mistiedna speċjali l-familjari ta’ dawk ħutna li mietu fi żmien il-pandemija u li ma kellhomx iċ-ċans li jsirilhom funeral fil-knisja.
 
L-Għaqdiet
Infakkru li l-festa ta’ din is-sena hija festa limitata ħafna. Il-ħruq tan-nar ser isir biss f’jum il-festa liturġika filwaqt li l-armar ta’ barra ser ikun biss ta’ ftit bandalori fuq iz-zuntier. L-armar ta’ ġewwa huwa kollu armar tal-festa sekondarja ta’ Sant’Andrija. Nixtieq nirringrazzja lill-għaqdiet kollha li jaħdmu s-sena kollha b’riżq il-Parroċċa u l-festa. Din is-sena, b’mod speċjali, nixtiequ nirringrazzjawhom għaliex għamlu sagrifiċċji mhux żgħar u obdew id-direttivi kollha maħruġa mill-Kulleġġ tal-Kappillani t’Għawdex. Kien pass għaqli ħafna, li għalkemm ġieb miegħu għafsa ta’qalb, kien ta’ eżempju tajjeb għall-komunitajiet l-oħra. Nibqgħu nappoġġjaw lil dawn l-għaqdiet għaliex il-membri tagħhom jagħmlu ħafna xogħol moħbi għall-ġid tal-komunità.
 
Quddies mal-poplu
Kif tafu, mis-Sibt 13 ser jidħlu fis-seħħ id-direttivi marbuta mal-Quddies bis-sehm tal-poplu. Min ser jiġi, kemm fil-knisja u kemm fil-Quddies li ser nagħmlu barra, għandu josserva bir-reqqa d-direttivi li ngħatawlna, fosthom li tiġu bil-maskla jew visor, tittieħed it-temperatura intom u deħlin għall-Quddiesa kif ukoll tobdu l-ushers huma u jpoġġukom fil-bankijiet jew fuq is-siġġijiet. Grazzi liż-żgħażagħ tagħna li offrew li jgħinuna.
 
Infakkru li l-obbligu tal-Quddies il-Ħadd għadu sospiż u x-xandiriet fuq it-TV u fuq l-internet ser jibqa’ għaddej, biex hekk dawk li ma jħossuhomx li għandhom jiġu jew inkella huma anzjani jew vulnerabbli jistgħu jibqgħu d-dar. Dan jgħodd b’mod partikolari għal meta l-Quddies isir ġewwa. Din hi rakkomandazzjoni li saret mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Rigward ħinijiet tal-Quddies, din il-ġimgħa ser ikun esperiment. Wara l-festa nevalwaw inżidux jew le iktar Quddies mal-poplu.
 
Preċett u Griżma
L-Ewwel Tqarbina ser issir Il-Ħadd 5 ta’ Lulju, fl-10.30am filwaqt li l-Griżma ser tiġi ċċelebrata l-Ġimgħa 10 ta’ Lulju, fis-7.15pm. Iż-żewġ ċelebrazzjonijiet ser isiru fis-Santwarju.
 
Intenzjonijiet
L-intenzjonijiet ta’ din il-ġimgħa ser isiru kollha xorta waħda avolja mhux il-Quddies kollu ser ikun miftuħ għall-pubbliku.
 
Is-Sibt 13 ta’ Ġunju: Dilora u Pawlu Zammit; Salvu, Ġiġa u dun Joe Galea
Il-Ħadd 14: Benefatturi ħajjin u mejtin tal-Parroċċa
It-Tnejn 15: Grezzja u George Borg u Ganni Mizzi; Familja Schembri
It-Tlieta 16: Karmnu, Marija Saliba u l-familja; Familja Schembri
L-Erbgħa 17: Toni, Marija, Ġużepp, Marija Galea u l-familja; Ġużepp u Grezzja Xerri
Il-Ħamis 18: Marija, George u Lina Galea; Ċelest u Maria Antonia Grech
Il-Ġimgħa 19: Benefatturi tal-Parroċċa; Nenu, Raymond, Noel, Antinette Farrugia u Peter Paul Micallef
Is-Sibt 20: Ġorġa, Wiġi Galea u l-familja Farrugia; Barbara u Allen Upton
Il-Ħadd 21: George Spiteri u l-familja

Il-festa t-tajba lil kulħadd.