Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

Avviżi flok il-Bullettin – il-Ħadd 31 ta’ Mejju 2020

MERĦBA  BIK, ĠUNJU!
Bdejna dan ix-xahar għażiż ta’ Ġunju. Nagħmlu ħilitna biex ngħixu kull ġurnata sal-festa liturġika b’mod iktar qawwi mis-soltu. Nagħmlu ħilitna biex din is-sena li fiha mhux ser issir festa ta’ barra, minn ġo djarna u fil-ħinijiet li fihom il-knisja tkun miftuħa, nisimgħu l-Kelma t’Alla, nitolbu, nagħmlu karità u nikbru fl-imħabba tagħna lejn il-Qalb ta’ Ġesù u lejn xulxin.
 
GRAZZI!
Ma nistax ma nerġax nesprimi l-ferħ tiegħi għall-għaqal u l-maturità li ntwerew meta għażilna li l-festa titulari titħassar għal kollox u niċċelebraw biss il-festa liturġika. Minkejja l-għafsa ta’ qalb li ġabet, din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr reżistenzi u b’serenità kbira. Fuq dan, żgur li l-Parroċċa tagħna tat eżempju qawwi lil Għawdex tagħna. Il-programm ġie msawwar b’rispett sħiħ lejn id-direttivi kollha li nħarġu fl-aħħar ġimgħat. Grazzi mill-qalb lil dawk kollha involuti.
 
GRAZZI LIL JACOB PORTELLI
Jacob Portelli, iben il-Parroċċa, tana rigal kbir: għoġbu juża t-talenti li għandu tad-daqq tal-arpa u sturmenti mużikali oħra u rrekordjalna l-innijiet “’Tina l-Ħlewwa”, “O Qalb Ħanina” u – s-sorpriża l-kbira: “l-Innu Popolari”. Dawn l-innijiet ser tisimgħuhom kemm-il darba fuq ir-radju u fil-knisja tagħna tul il-jiem tal-festa. Inkomplu nsostnu t-talenti kbar li ħarġu – u għadhom joħorġu mill-komunità tagħna. Jacob, nirringrazzjawk!
 
STEDINIET SPEĊJALI
Ippreparajna “kalendarju ta’ tħejjija” għat-tfal u l-familji biex, b’ġesti żgħar kuljum, jippreparaw ruħhom għall-festa tal-Qalb ta’ Ġesù permezz ta’ tagħlim, talb u karità. Kopji ta’ dan il-kalendarju jinkisbu minn ħdejn il-bieb il-kbir u minn fuq il-Paġna Facebook. Barra minn hekk, fil-festa ser nagħmlu ġabra għall-missjoni saċerdoti Għawdxin fil-Perù. Grazzi lil min ġa ta l-għojta tiegħu għall-missjoni u grazzi lit-tfal li żejnulna z-zuntier bit-tpinġijiet tagħhom tul Mejju.
 
FUNERALI
Peress li min hu responsabbli miċ-ċimiterju tar-Rabat, li hu tal-Gvern, ħareġ direttiva li Quddies ta’ funerali hemmhekk ma jsirux, il-Parroċċa bdiet tagħmel il-funerali fuq iz-zuntier. Il-Kappillan ġa wassal id-dispjaċir tiegħu għad-deċiżjoni li ttieħdet min-naħa taċ-Ċimiterju. Grazzi lis-sagristan John Theuma li ħadem biex jithejja kollox u lill-familjari ta' Anna Saliba li ħasbu biex iz-zuntier jitnaddaf u jiġi ddisinfettat kif ukoll biex tingħalaq it-triq. B'hekk stajna nħarsu d-dinjità tal-Quddiesa u tal-mument li konna qed niċċelebraw u fl-istess ħin issalvagwardjajna saħħet il-poplu tagħna.
 
IL-KAMPNAR
Wara diversi xhur, qed nerġgħu naraw il-kampnar jiddomina lill-Fontana fil-ġmiel kollu tiegħu u mingħajr scaffolding. Inkomplu naħdmu biex nagħlqu r-restawr, niġbru l-flus li fadal u nħallsu l-kontijiet. Sadanittant bdew ukoll preparazzjonijiet biex insewwu l-koppletta ta’ Lourdes u biex wara l-festa nibdew induru t-twieqi l-kbar.
 
EJJEW GĦAT-TALB
Issa li ħafna minna bdew joħorġu iktar ta’ spiss, infakkarkom li Ġesù jkun jistenniekom fit-Tabernaklu kuljum: ma nittraskurawhx! X’ħin toħorġu għall-qadjiet tagħkom, għaddu ħdejn il-Mulej! Qed niftħu kuljum bejn il-5.00pm u s-6.30pm.
 
IT-TMIEN ĠIMGĦA
Infakkarkom fil-programm:
Ftuħ tal-knisja għat-talb privat: mis-7.00am sa 12.00pm u mit-3.00pm sas-6.30pm.
Fis-7.00pm: Quddiesa tal-Ġimgħat, kurunella, litanija u Barka Sagramentali.
 
AVVIŻI
L-avviżi tal-Parroċċa qed jitwaħħlu temporanjament ma’ njama mal-ħadid tal-parapett tad-dar tal-Kappillan. Fittxuhom hemmhekk.