Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

Avviżi flok il-Bullettin - il-Ħadd 10 ta' Mejju 2020

PARROĊĊA ĦAJJA
Minkejja l-għafsa ta' qalb li l-komunita' għadha ma tistax tiltaqa' fiżikament kull nhar ta' Ħadd, ma' xulxin u madwar l-artal tal-Mulej għas-Sagrifiċċju tal-Quddiesa (milja u quċċata tal-ħajja tan-Nisrani u tal-Poplu t'Alla), inħoss li l-komunita' tagħna hi ħajja u ħajja tassew... grazzi għalikom!

Dan narah fis-sens tar-responsabilita' li qed turu fl-osservanza tad-direttivi; fis-saċerdoti li qed jitolbu bla waqfien għalikom ilkoll; fil-familji li qed jinġabru jitolbu flimkien, fil-voluntiera li għalkemm tħassret il-festa xorta qed jagħtu daqqa t'id siewja; fil-karita' li qed tinġabar u li qed issir fil-moħbi. Nieħu gost nara lin-nies jerħu kollox u jieħdu sehem fit-talb u fil-Quddies permezz tal-mezzi soċjali. Inħoss li permezz tal-fidi, l-għaqal u l-karita' tagħkom, il-Qalb ta' Ġesu' qegħda tħabbat fis-soċjeta' tagħna. Nixtieq nagħmlilkom kuraġġ biex tkomplu tkunu xhieda kredibbli tal-imħabba tal-Qalb għażiża tal-Mulej.

LIMITI
Bħalissa ħafna minna qed jużaw sikwit il-mezzi ta' komunikazzjoni. Spiss taħbat mal-"prodott" li joffru komunitajiet oħrajn, kemm f'Għawdex u kemm f'Malta u tibda tara ħafna kwantita' u ħafna kwalita'. U hija faċli li jiġilek il-ħsieb li l-Parroċċa tal-Fontana "ma tlaħħaqx magħhom" jew "mhix tagħmel biżżejjed" jew "dejjem b'xi problema".

Iva, huwa fatt li l-Parroċċa tagħna hija limitata f'diversi oqsma u diffiċilment tista' tħabbatha ma' komunitajiet oħrajn. Huwa veru wkoll li kemm il-kwantita' u kemm il-kwalita' tal-offerta ma humiex mill-aqwa. Imma l-ftit li qed nippruvaw noffrulkom, nassigurakom li noffruhulkom mill-qalb u b'ħafna mħabba. Jien nemmen li aħjar xi ħaġa offruta kollha difetti imma b'ħafna mħabba, milli xi ħaġa perfetta mingħajr imħabba. Naħdmu kemm naħdmu nafu li m'għandniex biex naslu sal-perfezzjoni, imma li qed nagħmlu nagħmluh b'imħabba lejkom u lejn il-Qalb ta' Ġesu'. U dan jimliena bil-ferħ. Grazzi lill-voluntiera li jagħmlu l-mirakli biex dan iseħħ.

JUM L-OMM
Nawgura minn qalbi lill-ommijiet kollha. Nixtieq insellem lill-ommijiet li bħalissa huma weħidhom biex hekk ikunu protetti, lill-ommijiet morda, lill-ommijiet li għaddejjin minn żmien iebes kif ukoll lil dawk in-nisa li jixtiequ jkunu ommijiet imma bħalissa mhuwiex possibbli. Kunu ommijiet tagħna u addottaw lill-Parroċċa fit-talb tagħkom! Dan mhuwiex kliem fil-vojt imma huwa ġest matern li jagħmel ħafna ġid. Il-Verġni Omm Alla tberikkom ilkoll.

IL-ĦAMES ĠIMGĦA TAL-QALB TA' ĠESU'
Il-programm għal nhar il-Ġimgħa huwa hekk: 7.00am tiftaħ il-knisja sa nofsinhar, imbagħad mit-3.00pm sas-6.30pm. Fis-6.35pm, Rużarju dirett mill-knisja. 7.00pm: Quddiesa tal-Ġimgħat, talb tat-tfal lill-Madonna, kurunella u litanija tal-Qalb ta' Ġesu' u Barka Sagramentali. Appell lill-membri kollha tal-Għaqdiet tal-Parroċċa: agħmlu mezz ejjew żuru lill-Qalb ta' Ġesu' u f'ħin il-Quddiesa kunu magħquda magħna bil-mezzi soċjali. 

GRAZZI
Qed nirċievu diversi donazzjonijiet għall-karita', għall-manutenzjoni tas-Santwarju kif ukoll għall-proġett tar-restawr, li għadu għaddej u riesaq lejn it-tmiem. Grazzi lill-benefatturi kollha. Ħajr ukoll lill-emigranti tagħna, speċjalment lill-Familja Cassar li ħasbet fis-Santwarju tagħna. Il-Mulej ibierek il-karita' tagħkom! Min jixtieq joffri xi donazzjoni, jitfagħha fil-letterbox tal-kappillan jew inkella jċempillu biex jiġi jiġborha.

INTENZJONIJIET
Il-Quddies qed isir kollu. Min għandu xi Quddies ibbukkjat u għadu ma tax l-offerta, ikellem lill-Kappillan.

ĦINIJIET
Ftuħ tal-Knisja: mit-Tnejn sal-Ħadd (barra l-Ġimgħa), 5.00pm - 6.30pm.
Quddiesa: 7.00pm; il-Ħadd 9.00am.

  Kan. Simon Mario Cachia

Kappillan tal-Fontana