Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

Avviżi flok il-Bullettin – il-Ħadd 3 ta’ Mejju

MEJJU Fuq xewqa tal-Papa u tal-Isqof, il-familji għandhom isibu ħin jitolbu flimkien ir-Rużarju madwar xbieha tal-Madonna f’post ċentrali fid-dar. It-tfal huma mistiedna jpittru xbieha tal-Madonna, jiktbu talba u jimpustawhom fil-letterbox tal-Kappillan bl-isem u s-sena tal-iskola. Il-Kappillan jaqra t-talbiet waqt il-Quddiesa tal-Ġimgħat u jdendel it-tpinġijiet mal-ħadid tal-parapett tad-dar parrokkjali. Inħeġġu lit-tfal kollha jieħdu sehem. Infakkru wkoll li nhar l-Erbgħa jibdew l-Erbgħat ta’ Santa Marija. 
 
TBERIK TAL-FAMILJI Infakkru li din is-sena, il-familji jistgħu jitbierku mill-ġenituri nfushom. Min jixtieq it-talba, isibha fuq il-websajt jew facebook page tal-Parroċċa jew jiġbor kopja stampata minn ħdejn il-bieb tal-knisja meta din tkun miftuħa.
 
IR-RABA’ ĠIMGĦA Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju hija r-raba’ Ġimgħa tal-Qalb ta’ Ġesù. Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-knisja ser ikunu mis-7.00am sa 12.00pm u mit-3.00pm sas-6.30pm. Fis-7.00pm jkollna l-Quddiesa, Kurunella, Litanija u Barka Sagramentali. Peress li dakinhar taħbat il-festa tal-Madonna ta’ Pompej u ħafna mill-Parroċċa huma midħla tas-Santwarju tagħha tar-Rabat,  f’nofsinhar ngħidu s-supplika quddiem l-istatwa tal-Madonna u tkun diretta fuq ir-Radju u fuq l-Internet.
 
KARITÀ Il-Kappillan bħalissa qed jilqa’ għotjiet għal dawn l-għanijiet: persuni mill-komunità li huma fil-bżonn – spejjeż tal-Ġimgħat – manutenzjoni tal-knisja u għar-restawr. Kull għotja hija aċċettata mill-qalb. Ħallu l-għotja f’envelopp u għalxiex ser toffruha miktuba fuqu u itfgħuha fil-letterbox tal-Kappillan.  Min ma jistax jasal sal-uffiċċju, ċemplu lill-Kappillan u jiġi hu.
 
INTENZJONIJIET Infakkar li l-Quddies kollu qed jitqaddes u għalhekk, min ibbukkja xi Quddies u għadu ma ħallasx l-offerta, nitolbuh jagħmel dan ġo envelopp fil-letterbox tal-Kappillan. Fadal xi Quddies ta’ Marzu u ta’ April li għadu ma tħallasx. Min ma jistax jiġi sad-dar parrokkjali, ċemplu lill-Kappillan u jiġi hu. Il-lista tal-intenzjonijiet għal Mejju ssibuha mwaħħla mal-koxxa tal-bieb prinċipali jew inkella fuq l-internet
 
ĦINIJIET TA’ KULJUM Il-knisja tkun miftuħa għat-talb privat mill-5.00pm sas-6.30pm. Il-Ħadd ser nerġgħu nibdew niftħu għat-talb privat, dejjem bejn il-5.00pm u s-6.30pm.  Il-Quddies fuq l-internet u r-radju jkun fis-7.00pm u l-Ħadd fid-9.00am. In-niċċa tal-Qalb ta’ Ġesù tal-faċċata għadna nixgħeluha kuljum filgħaxijiet bħala sinjal ta’ tama għalina lkoll. 
 
DIRETTIVI Il-Kappillan ifakkar biex fil-knisja żżommu d-distanzi bejnietkom. Peress li jista’ jkun li xi knejjes qed jagħmlu differenti, infakkar ukoll li l-pożizzjoni tal-Parroċċa tal-Fontana tibqa’ li Qrar u Tqarbin jibqgħu ma jiġux amministrati biex hekk ma jkunx hemm preferenzi bejn min jista’ joħroġ u min le: kulħadd qiegħed f’dgħajsa waħda u allura kulħadd jagħmel sagrifiċċju għall-ġid ta’ xulxin. Lanqas qed ikun Adorazzjoni quddiem l-Espost biex hekk nevitaw ġmiegħi ta’ nies. B’hekk inkomplu nobdu d-direttivi u nħarsu lil xulxin. Grazzi lil kulħadd tal-koperazzjoni. Jekk ikun hemm xi direttivi ġodda min-naħa tal-Kurja, ninfurmawkom bihom mal-ewwel.
 
SAN ĠORĠ PRECA Nhar is-Sibt taħbat il-festa ta’ dan il-Qaddis Malti. Nitolbu ħafna għall-katekisti tagħna filwaqt li nirringrazzjawhom ta’ tant xogħol u sagrifiċċji li għamlu mat-tfal tagħna tul dawn l-aħħar xhur.

Il-Kappillan.