Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

AVVIŻI FLOK IL-BULLETTIN

Ix-xahar ta’ Mejju: Nhar il-Ġimgħa ser nibdew ix-xahar ta’ Mejju, ix-xahar tal-Madonna. Nistieden lill-komunità biex tpoġġi xbiha tal-Madonna u tal-Qalb ta’ Ġesù f’post ċentrali fid-djar tagħna u li kuljum ninġabru madwarhom u nitolbu flimkien. Għeżież familji, dan hu żmien opportun li fih terġgħu tiskopru t-tradizzjoni sabiħa li l-familja titlob flimkien ir-Rużarju kuljum. Il-Verġni Mbierka teħlisna minn kull għawġ u twassalna fil-Qalb ta’ Binha Ġesù.
 
Il-Ġimgħat: Nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Mejju niċċelebraw it-tielet Ġimgħa tal-Qalb ta’ Ġesù. Il-knisja tkun miftuħa għal talb personali bejn is-7.30am u l-10.00am u bejn l-4.00pm sas-6.30pm. Ħafna ġew jinviżtaw anki jekk baqgħu fil-karozza u ma niżlux. Dan hu sinjal sabiħ ta’ kuraġġ u ta’ tama. Napprezza wkoll lil tant nies li biex iħarsu saħħithom u jobdu d-direttivi, b’sagrifiċċju, qed jibqgħu d-dar u jitolbu magħna minn hemmhekk. Min jixtieq iġib fjuri mill-ġnien tiegħu jew għotjiet ta’ flus, jista’ jagħmel dan billi jġibhom fl-uffiċċju parrokkjali jew inkella ċċemplu lill-kappillan jiġi għalihom.
 
San Ġużepp Ħaddiem: Nhar il-Ġimgħa, San Ġużepp Ħaddiem, niftakru fil-ħaddiema kollha, speċjalment dawk li għaddejjin minn żmien iebes minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ bħalissa. Nitolbu għalihom u għall-ħaddiema kollha li spiċċaw bla xogħol jew inkella bla dħul.
 
Direttivi: Sakemm ma jkollniex xi indikazzjonijiet ġodda mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u mill-Kurja, id-direttivi dwar il-ftuħ tal-knisja u ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti ser jibqgħu fis-seħħ. Nirringrazzja lil kulħadd tal-koperazzjoni u talli fhimtu d-deċiżjoni li ħadt bħala kappillan u li spjegajt fil-jiem li għaddew. Dawn is-sagrifiċċji qed nagħmluhom għalina lkoll speċjalment għal dawk l-iktar vulnerabbli fil-komunità tagħna. Dan l-aħħar qed ikollna aħbarijiet sbieħ imma xorta għandna nibqgħu attenti u bil-għaqal billi nkomplu nsegwu d-direttivi. Jekk ikollna xi indikazzjoni ġdida mill-Awtoritajiet, ninfurmawkom mal-ewwel biha.
 
Intenzjonijiet: Min għadu ma tax l-offerta tiegħu għall-intenzjonijiet tal-Quddies li tqaddsu tul Marzu u April, hu mitlub jikkuntattja lill-Kappillan. Il-Kappillan lest jiġi quddiem id-djar tagħkom u jiġbor l-offerta. Inkella, jekk tistgħu toħorġu, itfgħuha fil-‘letterbox’ tad-dar parrokkjali bl-isem tal-intenzjoni fuq l-envelopp. Dan jgħodd ukoll għal kull min jixtieq jagħti xi għotja lill-knisja, għar-restawr jew inkella għall-karità.
 
Karità: Il-Parroċċa għaddejja b’ħidma fis-skiet favur dawk li forsi jkollhom bżonn xi għajnuna f’dawn iż-żminijiet partikolari. Jekk hemm xi ħadd li qed jisma’ dan l-avviż u jixtieq xi tip ta’ għajnuna jista’ jċempel lill-kappillan taħt kunfidenzjalità kbira. Nirringrazzjaw ukoll lil Chris Galea li qed jagħmel ħafna xogħol utli f’dan il-qasam.
 
Restawr u Loop system: Bi pjaċir ninnutaw li kemm ix-xogħol fuq ir-restawr u kemm l-għotjiet mingħandkom baqgħu għaddejjin sew. Ninfurmawkom ukoll li ser jibda proċess biex is-sound system tal-knisja jkollha wkoll sistema li permezz tagħha min għandu l-hearing aid ikun jista’ jisma’ ħafna aħjar mingħajr ebda tfixkil. Dan il-proġett qed ikun mgħejjun mill-Ministeru għal Għawdex.
 
Grazzi lill-membri kollha tal-komunità tagħna, ta’ kull età, li qed jikkoperaw mal-Awtoritajiet tas-Saħħa u qed jobdu d-direttivi; lil dawk li qed joffru ħidmiethom fil-qasam tas-saħħa, tal-ordni u tas-servizzi essenzjali. Grazzi wkoll lil dawk kollha li qed jaħsbu f’ħuthom fil-bżonn u anki fis-Santwarju tagħna bl-għotjiet tagħhom. Fl-aħħarnett grazzi lis-Sagristan u lill-voluntiera li qed jgħinuna fil-ħajja ta’ kuljum tas-Santwarju tagħna. Il-Qalb ta’ Ġesù tpattielkom.
 
Tislima speċjali lill-anzjani fi djarhom jew f’xi dar tal-anzjani, lill-morda kollha tal-Parroċċa, lill-emigranti u lil dawk li forsi qed ibatu fis-skiet. Qed nitolbu għalikom kuljum quddiem il-Qalb ta’ Ġesù.
 
Intenzjonijiet tal-Quddies
    Tal-Ġurnata    Tal-11.30am
Il-Ħadd 26 ta’ April      Mons Tumas Curmi   ---
It-Tnejn 27 ta’ April     Toni u Ġorġa Cassar   Familja Cutajar-Farrugia
It-Tlieta 28 ta’ April     Franġisk u M’Stella Xuereb  Ġużeppi, Rita u Fam. Magro
L-Erbgħa 29 ta’ April  Il-Quddies kollu għal Toni, Teresa Farrugia u Fam. Borg  
Il-Ħamis 30 ta’ April   Carmela u Francis Gauci  Familja Cutajar-Farrugia
Il-Ġimgħa 1 ta’ Mejju  Skont l-intenzjoni tal-Kappillan Ġużepp Schembri u l-familja
Is-Sibt 2 ta’ Mejju       Familja Spiteri    Ċikku u Maria Attard
Il-Ħadd 3 ta’ Mejju     Mons. Giuseppe Borg Attard  ---

Il-Kappillan.