Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

AVVIŻI FLOK IL-BULLETTIN

DONAZZJONIJIET
Nixtieq nirringrazzja minn qalbi lin-nies tal-Fontana tal-ġenerożità kbira tagħhom. Mit-13 ta’ Marzu, jiġifieri, minn mindu għalaqna l-knejjes minħabba s-saħħa, daħlu dawn l-għotjiet:
b’risq il-'ventilator': saċerdoti €1150; Parroċċa u ħafna mill-għaqdiet €460; familji u individwi oħra €940. B’kollox €2550.

għall-fond tal-proġett tar-restawr (li għadu għaddej): €250.

għas-santwarju tagħna: €540.

donazzjoni għal Quddies mhux imħallas: €50.  B’kollox: €3390.

Nappella biex kull min jista', u kif jista', ikompli jgħin lill-knisja tagħna bla ma nittraskuraw il-karità bejnietna u ma’ dawk ta’ madwarna li huma fil-bżonn.
 
KARITÀ
Min jaf b’xi ħadd li hu fil-bżonn, ikellem b’mod kunfidenzjali lill-kappillan.
 
DIRETTIVI DWAR IS-SAGRAMENTI
Sirt naf li ħafna minnkom infxiltu għaliex tul il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa seta' kien hemm xi qassisin fuq it-TV jew l-internet li ma mxewx skont id-direttivi li ngħatawlna.
 
Nixtieq nerġa’ ntenni lil kulħadd li d-direttivi li ġew mogħtija lilna l-kappillani għadhom fis-seħħ. Jiġifieri, ċelebrazzjoni tas-sagramenti mhumiex permessi bħalissa u l-Quddiesa hija fil-magħluq għal kulħadd. Dan minħabba l-kuntatt li jista’ jkun hemm bejn il-persuni u li minħabba f’hekk jista’ jinxtered il-mard. Dan jgħodd b’mod speċjali għall-Qrar u għat-Tqarbin.
 
Nerġa’ ntenni lil kulħadd li jien, il-kappillan tal-Fontana, tajt indikazzjonjiet lis-saċerdoti tagħna biex għall-ebda raġuni ma jsir tqarbin jew qrar fil-knisja jew barra. Nitlob il-koperazzjoni ta’ kulħadd biex ma ġġegħlux lis-saċerdoti tagħna jiksru xi direttiva fuq l-insistenza tagħkom. Min jinsisti biex iqerr jew jitqarben bħalissa qed ikun egoist u għadu ma tgħallimx x’jiġifieri l-kmand ta’ Kristu fil-Vanġelu: “ħobb lil Alla u ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Lil min nara li qed ikompli b’dan l-atteġġjament ikolli nurih il-bieb ta’ barra.
 
Jekk xi saċerdot minn tagħna jew minn barra tarawh jimxi mhux skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa jew tal-Kurja, dan qed jagħmel ħażin u għalhekk issegwuwx l-eżempju tiegħu. Mexxu dejjem mal-kelma tal-kappillan. Dan m'inix nagħmlu b'kapriċċ imma għax bħalissa hekk hemm bżonn isir, biex titħares is-saħħa ta' kulħadd u biex ma jkunx hemm preferenzi. Bis-sagrifiċċju ta' kulħadd naslu nirbħu dan il-mument iebes.
 
IT-TIENI ĠIMGĦA
Nhar il-Ġimgħa niċċelebraw it-Tieni Ġimgħa tal-Qalb ta' Ġesù. Segwu minn fuq ir-Radju u l-Internet il-Quddiesa fis-7.00pm u wara nagħmlu ftit ħin ta’ adorazzjoni. Il-knisja ser tkun miftuħa għal talb privat mis-7.30am sal-10.00am u mill-4.00pm sas-6.30pm. Nitolbukom biex ma tiġux fi gruppi imma ejjew individwalment. Espożizzjoni tas-Sagrament mhux qed issir biex appuntu nevitaw li n-nies jinġemgħu flimkien.
 
INTENZJONIJIET TAL-QUDDIES
Infakkar li l-Quddies kollu qed isir. Min jista', ejjew agħtu l-offerta tal-Quddies li kontu bbukkjajtu billi titfgħuha f'envelopp bl-isem u d-data tal-intenzjoni u tħalluha fil-'letterbox' tal-kappillan. Il-lista tinsab imwaħħla mal-bieb prinċipali u tinsab ukoll fuq il-Facebook page tal-Parroċċa.
NB: Iż-żewġ intenzjonijiet li kienu laħqu daħlu għall-Quddiesa tad-9.00pm tal-ewwel żewġ Ġimgħat (Ġużepp u Marjanna Saliba u l-familja; Ġanni u Bernarda Attard) ser iqaddishom il-Kappillan privatament.

Il-Qalb ta' Ġesù tberikkom u Sant'Andrija jħariskom dejjem.
Il-Kappillan.