Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

Messagg mill-Kappillan lill-Fontanin kollha

 
Għażiża familja tal-Fontana,
illum qed niċċelebraw l-isbaħ aħbar li qatt seta’ jirċievi l-bniedem. Kristu Rxoxta! Kristu rebaħ! U aħna rbaħna miegħu! It-tislima li Kristu ħaj jagħti lid-dixxipli tiegħu, maqfula f'kamra, imbeżżgħin u b'qalbhom maqtugħa hija "Il-Paċi magħkom". U llum, din it-tislima hi riservata għalikom ukoll. Il-paċi magħkom!
 
ŻMIEN DIFFIĊLI
Għadna kif iċċelebrajna kif stajna t-Tridu tal-Għid. Ma kellniex l-istatwi armati, l-għajnuna tal-abbatini u l-kant sabiħ tal-Chorus Urbanus u fuq kollox, ma kienx hawn intom magħna! Il-fatt li l-ewwel Tridu tal-Għid bħala kappillan kelli niċċelebrah f'dawn iċ-ċirkostanzi u mingħajr il-preżenza fiżika tagħkom, nikkittli ħafna qalbi, imma kienet esperjenza li għallmitni ħafna kif għandi nħobb lil Alla, u lilkom, bla tlellix fieragħ.
F’dawn il-jiem, jien u ħuti l-qassisin imxejna mad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet. B'hekk skandli ma tajniex, saħħitkom ma poġġejnihiex f'riskju u qdejna kif suppost il-kmandament tal-imħabba. Hekk kien jitlob minna s-sens ċiviku u l-karità Nisranija. Ta’dan aħna kburin.
 
GRAZZI
Grazzi talli ħafna minnkom ingħaqadtu magħna bil-mezzi tax-xandir. Niskuża ruħi talli xi drabi ma tajnikomx servizz daqshekk eċċellenti, minkejja l-ħidma sfiqa tal-voluntiera li għamlu l-mirakli f'dawn il-jiem. Tapprezzaw il-fatt li kollox ġie fuqna għall-għarrieda, waqt li l-Parroċċa kienet mgħaddsa fil-proġett tar-restawr, u allura ma kienx faċli torganizza kollox bl-ogħla kwalità u fl-iqsar ħin. Grazzi wkoll lis-sagristan u lil xi voluntiera oħra li għenu kif setgħu ħalli t-Tridu jiġi ċċelebrat. Nixtieq nirringrazzja lilkom li tajtu l-għotja tagħkom għall-‘ventilator’ li l-Djoċesi, f’isem il-poplu t’Alla f’Għawdex, tixtieq tagħti lill-poplu Għawdxi: mill-Parroċċa ġbarna s-somma sabiħa ta’ €2.200.
 
TISLIMA
Insellem lill-membri tal-Parroċċa li huma l-iktar milquta mis-sitwazzjoni maħluqa mill-Covid-19: lilkom ilkoll li qed taħdmu fil-qasam tas-saħħa, lilkom li qed tagħtuna s-servizzi essenzjali, lilkom li tinsabu weħidkom jew maqfula fid-djar, lilkom li spiċċajtu bix-xogħol wieqaf jew bla paga, lilkom li tinsabu mifruda mill-għeżież tagħkom, lilkom li sofrejtu xi viżtu u l-funeral tal-għeżież tagħkom kellu jdum biss ftit minuti.... lilkom ilkoll inpoġġikom kuljum fil-Qalb tal-Mulej.

SFIDA
Nistqarr magħkom li mhuwiex żmien faċli għall-Parroċċa. Il-liturġija u l-pastorali ilhom weqfin xahar preċiż. Daqshekk ilni ma nitkellem magħkom u ma nitolbu flimkien għax xahar ilu eżatt, ħajjitna nqalbet ta’ taħt fuq mil-lejl għan-nhar. Dan it-tiġrib ġab ukoll piż finanzjarju kbir fuq il-Parroċċa, li minkejja l-assenza tal-komunità, trid tkompli toffri s-servizzi tagħha u tkompli tħallas l-ispejjeż. Imma minkejja dan, intom u l-ħtiġijiet tagħkom ser jibqgħu ta' prijorità assoluta għall-Parroċċa, akkost li ndumu snin inħallsu d-djun li jistgħu jinġemgħu frott din is-sitwazzjoni. Nippreferi ħafna nara ġebla titmermer jew statwa titqaxxar milli persuna jew familja togħtor taħt il-piż tal-inkwiet!
Nemmen ukoll li, meta għad noħorġu minn dan il-flaġell li laqatna, il-ħajja li konna mdorrijin biha sa xahar ilu ser tkun inbidlet radikalment. Għalhekk, minn issa, nitlob l-għajnuna tal-komunità kollha, ibda mill-Għaqdiet u spiċċa fl-iżgħar membru tal-parroċċa. Biex naffrontaw il-futur, ser ikollna bżonn nuru ħafna maturità li tiġi biss jekk aħna vera wlied il-Qalb ta' Ġesù.
 
ĠIMGĦAT
Naf li ħafna għandhom qalbhom magħfusa għax il-festa titulari u dik liturġika mhux ser isiru. Dan jgħodd ukoll għat-tberik tad-djar, il-Preċett, il-Griżma u sagramenti oħra. Din l-għafsa ta' qalb kapaċi tikber xi ftit iktar meta jersaq Ġunju. Imma jien naf ukoll li l-għaqal u l-imħabba ser jirbħu fuq kollox. Ejjew ngħixu d-disa' Ġimgħat bi spirtu ta' penitenza imma b'fiduċja kbira f'din il-Qalb li tant tħobbna.
 
AWGURI
Il-Parroċċa - u jien - għandna bżonn lilkom, l-għaqal tagħkom u l-imħabba tagħkom. Hu żmien fejn kulħadd irid jagħmel sagrifiċċju għall-ġid tiegħu stess, tal-oħrajn, tal-komunità. Flimkien naslu u ara biss ifettlilkom taqtgħu qalbkom. Aħna tal-Irxoxt, Aħna tal-Qalb ta’ Ġesù! Ħadd u xejn ma jista’  jkun kontra tagħna, ftakruha! Il-Qalb ta' Ġesù tberikna u Sant'Andrija jħarisna. Komplu obdu d-direttivi u ħudu ħsieb saħħitkom. Nitolbu għal xulxin u l-Għid it-tajjeb.
 
Tinsabu lkoll f'qalbi.
Fr Simon, il-Kappillan.