Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

Messaġġ minn Dun Simon Cachia, il-kappillan il-ġdid.

Għeżież membri tal-komunità tal-Fontana,
Hu ta’ ferħ kbir għalija li qed niktbilkom dan il-messaġġ qasir. Naf li grazzi għall-voluntiera ħabrieka ta’ din il-parroċċa, dan il-messaġġ qed jidħol f’kull dar u għand kull familja ta’ dan ir-raħal. Ninsab ċert li s’issa l-aħbar waslet għand kulħadd: fil-jiem li għaddew Mons. Isqof Mario Grech għoġbu jsejjaħli biex inkun il-kappillan il-ġdid tagħkom. Jien nirringrazzjah tal-fiduċja li qed juri fija.

Nirringrazzja wkoll lill-Kan. Fr. John Muscat, li qdiekom b’imħabba tul dawn is-sitt snin u li f’dawn il-jiem qed insib mingħandu sostenn kbir. Grazzi wkoll lis-saċerdoti tal-parroċċa (kemm dawk preżenti fil-parroċċa u kemm dawk imsefrin) li laqgħuni b’imħabba kbira.

Din hi l-ewwel darba li qed ngħix l-esperjenza ta’ kappillan u ferħan li ser ngħixha magħkom. Nixtieq nitgħallem minnkom u nitgħallem magħkom. Issa li wara ġimgħa ta’ assenza (minħabba impenji li kont ħadt xhur ilu u li ma stajtx inħassar) erġajt lura magħkom, inkun nista’ niltaqa’ ma’ ħafna minnkom filwaqt li bil-mod nibdew nippreparaw għal sena pastorali ġdida flimkien. Nixtieq nitlobkom minn issa l-għajnuna tal-imħabba, tat-talb u tal-koperazzjoni tagħkom.

Grazzi ħafna tal-awguri u tal-kuraġġ li tajtuni fil-jiem li għaddew. Inwiegħed li nagħmel ħilti kollha biex lill-komunità tagħna ngħinha timxi fit-“Triq tal-Għajn il-Kbira” – fit-“Triq” li hi Kristu; “l-Għajn” li hi Qalbu; “il-Kbira” mħabba tiegħu li tagħtina s-salvazzjoni. Persważ li Sant’Andrija ser ikompli jmexxi d-dgħajsa tal-parroċċa tagħna lejn il-port hieni ta’ Qalb il-Mulej ħalli nkunu lkoll qalb waħda f’Qalbu. Kunu mberkin!
Dun Simon