Parroċċa Qalb ta' Ġesù - Fontana

Nota mil-Ex-Kappillan, Dun John Muscat

Irrid nirringrazzja lil Alla, l-Qalb ta’ Ġesù, l-Eċċ Mons Isqof, lis-Saċerdoti tal-parroċċa, lill-Kunsill Parrokkjali, lis-sagristan, il-membri tal-għaqdiet kollha, lis-segretarja u lil dawk kollha li għenuni f’dawn l-aħħar 6 snin u nofs fil-parroċċa għażiża tal-Qalb ta’ Ġesù l-Fontana.

Kienet esperjenza sabiħa li tagħlimt u għamilt li stajt biex intejjeb il-Liturġija, l-edukazzjoni Reliġuża tat-tfal, l-abbatini, iż-żgħażagħ, diversi laqgħat għal adulti u l-kura tal-morda flimkien mal-amministrazzjoini tal-parroċċa.

Mhux fl-interess tiegħi li niftaħar jew nieħu xi mertu iżda nħossni kuntent li għent fil-patrimonju tal-parroċċa billi rranġajt id-daħla għas-sagristija, gwardarobbi għal abiti sagri, għamilna 2 toilets u kamra għall-Qrar. Stinkajt biex isiru 4 statwi l-ġmiel tagħhom, 2 għal barra (Qalb bla tebgħa ta’ Marija u San Ġużepp ta’ Qalb safja) u 2 għal ġewwa (Redentur u tal-Kolonna). Lestejna 2 kappelli, dik ta’ Sant Andrija mil-pasta, induratura u pittura u dik ta’ San Mikiel mil-iskultura, pasta, induratura u pittura. Hekk issa l-knisja tkompliet mill-pittura kollha. Forsi l-ikbar proġett ambizzjuż u jiswa flejjes kbar, kien dak tar-restawr tal-faċċata tal-knisja u zuntier li domt naħdem fuqu snin u issa wasal biex jasal għal tmiemu bil-għajnuna tal-EU u tagħkom qed jirnexxielna inwettquh.

Inħoss sodisfazzjon kbir li minkejja id-djufija tiegħi għamilt li stajt b’imħabba. Kienet deċizjoni iebsa iżda inħossni fil-paċi. Nitlob maħfra jekk inqast lil xi ħadd, (Żgur li ma kenitx l-intenzjoni tiegħi) iżda nitlobkom biex nkomplu nitolbu għal xulxin għal Imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù u ta’ xulxin. Sliem.